Ħarġa Mhux tas-Soltu!

Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Novembru morna l-Buskett… ħarġa interessanti ħafna.  Din kienet parti mill-‘fieldwork’ tal-lezzjoni tax-Xjenza.

Matul it-triq konna attenti ħafna għal-lokalitajiet li minnhom kien għaddej ix-xufier biex b’ hekk stajna nimmarkaw it-triq kollha sal-Buskett fuq mappa.

Kif wasalna bdejna mal-ewwel il-mixja tagħna.  Rajna u smajna bosta għasafar differenti fosthom pitirrossi u mlievez.  Osservajna d-differenzi bejn is-siġar fosthom dawk tal-larinġ u dawk tal-palm.  Iddiskutejna minn fejn kien qed jonfoħ ir-riħ.  Żgur kien mix-Xlokk u t-temperatura kienet ftit għolja għal dan iż-żmien tas-sena għax ħassejna ħafna sħana!  Iddiskutejna l-istaġun li qegħdin fih u x’ tipi ta’ insetti nistgħu naraw f’ dan iż-żmien.

Waqafna f’parti mimlija bankijiet fejn hemmhekk stajna nieklu dak li konna ġibna magħna u nistrieħu ftit.  Biss ma tantx domna għax ridna nkomplu nesploraw dak li kien hemm madwarna.

Irħejnilha għal Wied il-Luq, fejn rajna nixxigħat tal-ilma kif ukoll kartelluni biex inħallu ż-żrinġijiet fl-abitat tagħhom, nibżgħu għas-siġar u ma nħottux il-ħitan tas-sejjieħ.

Waqafna f’post għall-kwiet fejn komplejna naħdmu fuq il-ktejjeb li konna ħadna magħna.  Kemm jirnexxilek tisma ħsejjes meta toqgħod fil-kwiet!  U kif flejnieh dak il-ħajt tas-sejjieħ! Ma kienx hemm toqba li ma ħarisniex lejha biex naraw jekk hemmx xi nsett li konna għadna ma rajniex!

Il-ħin kien tarilna u għalhekk kellna ngħaġġlu biex ma nħallu lil ħadd jistenniena.  Ħaffifna kemm stajna u bejn daħqa u bejn qabża rnexxielna naslu lura.

Ġurnata sabiħa bħal din żgur ħa nibqgħu niftakruha!

Francesco Calabrese

Year 4 Robins

Advertisements