Rigali li ma Jinxtrawx

Issa li riesaq il-Milied, kulħadd jibda jħabbel moħħu dwar x’ rigali jrid jixtri u x’ rigali jixtieq jaqla’. Imma tgħid jogħġbu? Imma tgħid biżżejjed? Kemm se naqbad nonfoq? Min jaf x’ se naqla’?

Aħna t-tfal tas-sitt sena iddiskutejna x’ inhi t-tifsira tar-rigali u ħassejna li xi drabi r-rigali qed jitilfu s-sens vera tagħhom speċjalment meta ma jkunux affarijiet ta’ bżonn. Ħafna drabi aktar inkunu eċċitati sakemm niftħu r-rigal u naraw x’ sorpriża għandna tistenniena. Tkellimna wkoll dwar dawk it-tfal li huma inqas ixxurtjati minna, u li la jaqilgħu rigali u wisq anqas għandhom biex iroddu oħrajn lura.

Ħsibna li din is-sena minflok nixtru r-rigali nistgħu nagħmlu azzjonijiet jew ġesti li bihom nferrħu lill-oħrajn jew nuru aktar apprezzament ma’ dawk li dejjem jagħmlu s-sagrifiċċji għalina. Fil-klassi għamilna attività mhux tas-soltu. Qgħadna  bilqiegħda f’ ċirku u lgħabna logħba li fiha kellna rigal u bdejna mmexxuh minn persuna għall-oħra mal-mużika. Malli tieqaf il-mużika niftħu waħda mill-ħafna karti li dan ir-rigal ċkejken kien imgeżwer fihom. Fuq kull karta kien hemm bosta ideat ta’ rigali li nistgħu nagħtu dan il-Milied, li jiġuna wisq orħos minn dawk li wieħed jixtri mill-ħanut, iżda li jiswew mitqlu deheb!

Fosthom kien hemm:

  • Għin fix-xogħol tad-dar mingħajr ma tgerger
  • Oqgħod attent kif titkellem
  • Irringrazzja lil dawk li jieħdu ħsiebek ta’ dak kollu li jagħmlu miegħek
  • Offri rigal lil xi ħadd li huwa inqas ixxurtjat minnek
  • Idħak aktar biex turi l-ferħ li hemm fik
  • Żur lill-anzjani jew lill-morda
  • Kun paċenzjuż ma’ xi ħadd li jdejqek
  • Aħfer lil xi ħadd li għamillek xi ħaġa ħażina

Fl-aħħar sibna r-rigal li tant konna ilna nistennew!! U x’ sibna? Sibna presepju ċkejken ħafna iżda li minnu xorta stajna nieħdu t-tifsira vera tal-Milied u tar-rigali. Ir-rigali li aħna nagħtu ma jgħoddx kemm jiswew flus iżda li jgħodd hu li jkunu ġejjin mill-qalb. Fuq kollox Ġesu’ huwa l-akbar rigal tagħna.

Year 6 Tigers

Advertisements