Ir-Randan

F’Ras ir-Randan tgħallimna li r-Randan fih erbgħin jum, fejn fih niftakru fit-tbatija li għadda minnha Ġesù meta miet għalina fuq is-salib u għalhekk aħna għandna nagħmlu s-sagrifiċċji. Is-sagrifiċċji nagħmluhom biex insiru aktar tfal bilgħaqal u nħobbu aktar lil Ġesu’ u lil xulxin.

Bħala sagrifiċċji nistgħu ma nieklux ħelu, ma niġġieldux ma’ ħutna jew ma’ sħabna u ngħinu aktar lil tad-dar.

Għal żmien ir-Randan aħna qed nagħmlu li nistgħu biex ikollna mġieba aħjar u naħsbu aktar fl-oħrajn. F’pari, imlejna stampi bil-kulur li juru n-nies li għandna nagħtu aktar kas biex nuru li nħobbuhom, bħall-familja, il-ħbieb, il-ġirien, il-foqra u nies bi bżonnijiet speċjali.

Kuljum, qabel immorru d-dar, xi ħadd minna qed jgħid talba u jpinġi biċċa mill-‘ħġieġ ikkulurit’ ta’ madwar is-salib, biex fl-aħħar tar-Randan nkunu ħloqna stampa sabiħa kkulurita flimkien.

Kull meta xi ħadd minna jagħmel xi ħaġa tajba lil ħaddieħor l-iskola, jekk ikun jixtieq, jikteb x’għamel fuq karta kkulurita u jwaħħalha fuq il-felt tal-klassi tagħna.

Għal dan iż-żmien għamilna kraft sabiħ li juri salib. Is-salib ifakkarna f’meta Ġesu’ miet għalina għax iħobbna.

B’dan kollu li qed nagħmlu qed nitgħallmu li r-Randan ma jiġix biss biex ma niklux ħelu imma biex naħsbu aktar fuq dak li nagħmlu u nagħmlu dak li jgħallimna Ġesù.

Year 3 Fireflies

Advertisements