Ingawdu n-Natura

Biex ingawdu dan iż-żmien tar-rebbiegħa, il-klassi tagħna flimkien mal-klassijiet l-oħra tat-tielet sena, morna nimxu mill-Qrendi sa Wied iż-Żurrieq biex ingawdu l-kampanja sabiħa ta’ dan iż-żmien.

Kellna mixja twila, iżda tant kemm rajna affarijiet sbieħ li ma tajniex kas ta’ kemm qed nimxu! Rajna ħafna pjanti u siġar u għaddejna minn ħdejn ħafna għelieqi.

B’kollox kellna tliet waqfiet biex nistrieħu, nixorbu u nieklu xi ħaġa. Waħda mill-waqfiet tagħna kienet ħdejn il-Maqluba. Hemmhekk hemm ħofra kbira.

F’ħin minnhom, waqt li konna mixjin f’Wied iż-Żurrieq, bdejna telgħin telgħa twila. X’sorpriża ħadna x’ħin f’daqqa waħda rajna lil Filfla titfaċċa quddiem għajnejna!

F’din il-ħarġa tgħallimna napprezzaw iktar l-ambjent sabiħ ta’ Malta, speċjalment il-kampanja li mhix daqshekk komuni, kif ukoll il-baħar, bħal ma nitgħallmu biex nagħmlu fil-lezzjonijiet l-iskola.

F’dan l-istaġun tas-sena il-kampanja tkun imżejna bi fjuri jfuħu u l-friefet itiru madwarhom. Biex inkomplu fuq it-tema tar-rebbiegħa, fil-klassi għamilna kraft ta’ farfett. Qabel ma bdejna l-għalliema urietna żewġ vidjows ta’ żewġ metodi ta’ kif stajna nagħmlu l-farfett. Wara, kulħadd għażel żewġ ċrieki jew żewġ kwadri tal-karti biex jibda l-kraft.

L-ewwel tajna l-kulur lil naħa waħda taż-żewġ forom,  b’kuluri li ridna. Imbagħad, imlejna b’kulur wieħed in-naħa l-oħra. X’ħin lestejna, qtajna l-forom u bdejna nitwuhom qishom imrewħa. Wara, waħħalnihom it-tnejn flimkien, min-nofs, bil-kolla. Fl-aħħar, qbadna ‘pipe cleaner’, l-għalliema qatgħatu min-nofs, u ż-żewġ biċċiet dawwarnihom man-nofs tal-farfett biex nagħmlu l-antenni.

X’ħin kien lest il-farfett deher qisu farfett ta’ veru kollu kuluri!

Wara li lestejna dan il-kraft tant sabiħ tal-farfett, kellna ftit ħin biex niktbu ftit sentenzi jew poeżija fuq il-farfett tagħna. Fl-aħħar, xi wħud minna qrajna dak li ktibna waqt li urejna il-farfett uniku li għamilna.

Year 3 Fireflies

Advertisements